COVID-19

X’inhi l-COVID-19?

Il-COVID-19 hija l-marda kkawżata mill-virus imsejjaħ sindromu respiratorju akut sever coronavirus-2 (SARS-CoV-2). SARS-CoV-2 hija razza ġdida ta’ coronavirus. Ma kienx ġie identifikat fil-bnedmin qabel Diċembru 2019.

It-tifqigħa attwali tal-COVID-19 bdiet lejn l-aħħar tal-2019 u fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat pandemija.

Fl-4 ta’ Mejju 2023, id-Direttur Ġenerali tad-WHO ddetermina li l-COVID-19 ma għadhiex emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Huwa enfasizza li filwaqt li hemm livelli ogħla ta’ immunità tal-popolazzjoni u inqas ospitalizzazzjonijiet u mwiet, għad hemm inċertezzi relatati ma’ kif is-SARS-CoV-2 jista’ jevolvi.

Symptoms of COVID-19

X’inhuma s-sintomi tal-COVID-19?

Is-sintomi ewlenin tal-COVID-19 huma:

  • deni
  • sogħla
  • dgħufija jew għeja ġenerali
  • bidla jew telf tat-togħma jew tax-xamm
  • uġigħ fil-griżmejn
  • uġigħ ta’ ras
  • uġigħ fil-muskoli
  • dijarea.

Is-severità tal-marda tvarja ħafna minn persuna għal oħra.

Xi persuni bil-COVID-19 huma asintomatiċi. Dan ifisser li ma għandhom l-ebda sintomu.

F’każijiet serji, is-sintomi jistgħu jinkludu

  • diffikultà fit-teħid tan-nifs jew qtugħ ta’ nifs
  • konfużjoni
  • uġigħ fis-sider.

Persuni b’sintomi severi jista’ jkollhom bżonn ta’ kura medika u ta’ appoġġ speċjalizzati.

Il-kundizzjoni tal-pazjent tista’ tmur għall-agħar malajr u jekk iva, dan spiss iseħħ matul it-tieni ġimgħa tal-marda.

Sfortunatament, xi persuni bil-COVID-19 jeħtieġ li jmorru l-isptar. Xi wħud minnhom jistgħu saħansitra jkunu jeħtieġu kura intensiva, xi kultant għal perjodi estiżi.

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-COVID-19?

Persuni b’sintomi severi li jaffettwaw il-passaġġi tan-nifs jista’ jkollhom bżonn jitqiegħdu fuq respiratur (appoġġ mekkaniku għall-ventilazzjoni). Dan jista’ jagħmilhom aktar suxxettibbli li jieħdu infezzjoni minbarra l-COVID-19, bħall-pulmonite.

Xi pazjenti bil-COVID-19 huma wkoll f’riskju ogħla ta’ kumplikazzjonijiet relatati mal-koagulazzjoni tad-demm, bħal attakki ta’ puplesija jew attakki tal-qalb.

Il-probabbiltà li jkun meħtieġ li jmorru l-isptar hija ogħla għall-persuni akbar fl-età, b’mod partikolari, għall-persuni ta’ aktar minn 60 sena u għall-persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti.

B’mod ġenerali, ir-riskju ta’ mewt mill-COVID-19 huwa baxx, iżda ogħla milli huwa fil-każ tal-influwenza. Ir-riskju ta’ mewt huwa ogħla f’persuni akbar fl-età, kif ukoll f’persuni li għandhom mard fit-tul jew kundizzjonijiet sottostanti.

X’inhi l-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 jew il-COVID fit-tul?

Numru żgħir ta’ pazjenti jistgħu jbatu minn effetti fit-tul mill-infezzjoni SARS-CoV-2. Din tissejjaħ il-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19, magħrufa wkoll bħala “l-COVID-19 fit-tul”.

Il-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 tista’ taffettwa pazjenti ta’ kull età, inklużi persuni li kellhom biss sintomi ħfief tal-COVID-19 meta ġew infettati għall-ewwel darba.

Is-sintomi jinkludu:

  • telf ta’ riħa jew togħma
  • għeja
  • dgħufija ġenerali
  • qtugħ ta’ nifs
  • indeboliment konjittiv.

Ma hemm l-ebda test għad-dijanjożi tal-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19 u s-sintomi jistgħu jdumu ġimgħat, xhur, jew aktar.  Bħalissa ma hemm l-ebda trattament għal din il-kundizzjoni, madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li l-individwi li jitlaqqmu kontra l-COVID-19 huma inqas probabbli li jirrappurtaw is-sintomi tal-kundizzjoni ta’ wara l-COVID-19.

Transmission of COVID-19

Kif tinfirex il-COVID-19?

Il-virus SARS-CoV-2 jinfirex minn persuna għal oħra primarjament permezz ta’ partikoli rilaxxati fl-arja meta persuna infettata tieħu n-nifs, b’mod partikolari meta titkellem, tkanta, tgħajjat, tagħtas, tisgħol, eċċ. Dawn il-partikoli jistgħu jilħqu lil persuni oħra qrib tagħhom (normalment sa żewġ metri ’l bogħod), li jistgħu jieħdu n-nifs fihom.

It-trażmissjoni minn persuna infettata għal oħra tista’ tibda jumejn qabel ma l-persuna infettata tibda turi s-sintomi. Bħala medja, persuna infettata waħda tinfetta sa ħames persuni oħra, jekk ma jieħdu l-ebda miżura biex jipprevjenu t-trażmissjoni.

Normalment ikun hemm bżonn minn ħamest ijiem sa sitt ijiem biex xi ħadd jibda juri sintomi wara li jkun ġie infettat. Madankollu, dan jista’ jvarja minn jum sa ġimagħtejn.

Partikoli akbar (taqtiriet) jistgħu wkoll jinżlu fuq uċuħ u jintmessu minn nies oħra. Dawn il-persuni mbagħad jistgħu jaqbdu l-virus ma’ idejhom u jiġu infettati meta jmissu mneħirhom, ħalqhom jew għajnejhom. Madankollu, din ir-rotta ta’ trażmissjoni hija ħafna inqas komuni mit-trażmissjoni minn persuna għal persuna.

Risk groups of COVID-19

Min huwa f’riskju li taqbdu l-COVID-19?

Kulħadd huwa f’riskju li taqbdu l-COVID-19?

Madankollu, xi gruppi tal-popolazzjoni huma aktar probabbli li jiżviluppaw mard serju. Dawn jinkludu persuni li għandhom aktar minn 60 sena u nisa tqal, kif ukoll persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti, bħal:

  • obeżità
  • pressjoni għolja tad-demm
  • dijabete
  • mard tal-qalb
  • mard fit-tul li jaffettwa l-pulmun u l-passaġġi tal-arja
  • kundizzjonijiet li jaffettwaw is-sistema nervuża
  • sistema immunitarja dgħajfa.

Is-sintomi fl-adulti għandhom it-tendenza li jkunu iktar severi milli fit-tfal. Madankollu, it-tfal xorta jgħaddu l-virus lil oħrajn, u xi wħud jiżviluppaw mard serju.

Spazji fuq ġewwa ffullati jipprovdu opportunitajiet għall-COVID-19 biex tinfirex malajr: il-ħabsijiet, iċ-ċentri tal-migranti u l-impjanti tal-ipproċessar tal-ikel kollha raw tifqigħat sinifikanti.

Prevention of COVID

Il-COVID-19 kif tista’ tiġi evitata?

L-aktar mod effettiv għall-prevenzjoni tal-COVID-19 huwa t-tilqim. Persuni li jingħataw it-tilqima għandhom inqas ċans li jkollhom mard serju jew li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar. Din hija r-raġuni għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika jħeġġu lill-persuni eliġibbli kollha biex jieħdu l-vaċċin sħiħ kontra l-COVID-19 mill-aktar fis possibbli. Aqra aktar dwar il-vaċċini tal-COVID-19.

Il-ħasil tal-idejn ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma jew bl-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-alkoħol jgħin ukoll biex jiġi evitat it-trasferiment tal-virus mill-idejn għal ġol-ġisem permezz tal-għajnejn, l-imnieħer jew il-ħalq. Għal aktar dettalji, ara l-infografika tagħna dwar miżuri mhux farmaċewtiċi.

Vaċċini awtorizzati għall-użu fl-Unjoni Ewropea

Treatment of COVID-19

Kif jiġi ttrattat il-COVID-19?

Mediċini għat-trattament tal-COVID-19 li jimmiraw il-virus direttament qegħdin isiru disponibbli. Madankollu, dawn jintużaw prinċipalment għall-prevenzjoni ta’ mard serju fi gruppi b’riskju għoli.

It-trattament ewlieni għall-biċċa l-kbira tal-pazjenti b’mard sever huwa l-kura ta’ appoġġ, (eż. l-użu tat-terapija bl-ossiġenu u l-ġestjoni tal-livelli tal-fluwidi) li ħafna drabi hija effettiva ħafna.

Għall-informazzjoni l-aktar reċenti dwar it-trattamenti tal-COVID-19, żur is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA): Trattamenti u vaċċini għall-COVID-19 jew is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: Trattamenti għall-COVID-19 (europa.eu)

Aktar informazzjoni

--------------------------------------------------------------------

Referenza:

(1) il-kummenti tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali tad-WHO waqt it-tgħarrif tal-midja dwar il-COVID-19

Nota: Din l-iskeda informattiva hija maħsuba għal skopijiet ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut għall-kompetenza individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonista tal-kura tas-saħħa.

Page last updated 11 Jul 2023