Dwarna

Informazzjoni korporattiva

L-iskop ewlieni ta' dan is-sit web huwa li jipprovdi evidenza preċiża, oġġettiva u aġġornata dwar il-vaċċini u t-tilqim. Dan jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn il-mekkaniżmi implimentati fl-Unjoni Ewropea (UE) biex jiġi żgurat li l-vaċċini jikkonformaw mal-ogħla standards ta' sigurtà u effettività.

Dan is-sit web ġie żviluppat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), bi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea, speċifikament, mad-Dipartiment għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) tagħha u mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). Dan huwa inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u ġie żviluppat wara r- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim li ġiet adottata f'Diċembru 2018.

L-esperti ta' komunikazzjoni u dawk xjentifiċi f'dawn l-organizzazzjonijiet huma involuti fl-iżvilupp tal-kontenut (1).

Rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi tal-UE u taż-ŻEE ġew ikkonsultati biex jiġi ffinalizzat il-kontenut tas-sit web kif ukoll il-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-fergħa eżekuttiva politikament independenti tal-UE. Waħedha hija responsabbli biex tfassal proposti għal leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal- Parlament Ewropew u tal- Kunsill tal-UE. Il-Kummissjoni hija maqsuma f'dipartimenti li jiżviluppaw politiki f'oqsma speċifiċi. Wieħed mid-dipartimenti huwa d- DĠ għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, responsabbli għall-politika tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza alimentari u biex jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' liġijiet relatati.

Biex itejjeb it-teħid tat-tilqim, f'Diċembru 2018 il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar kooperazzjoni msaħħa tal-UE kontra l-mard li jista' jiġi evitat. L-għan tal-inizjattiva huwa li tindirizza l-eżitazzjoni għall-vaċċini, ittejjeb il-koordinazzjoni dwar l-akkwist tal-vaċċini, tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE b'rabta mal-mard li jista' jiġi evitat bil-vaċċini.

Aqra aktar: https://ec.europa.eu/health/vaccination/overview_mt u https://ec.europa.eu/info/departments/health-and-food-safety_mt

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

L-ECDC huwa aġenzija xjentifika tal-UE bil-għan li jissaħħu d-difiżi tal-Ewropa kontra mard li jittieħed. Il-funzjonijiet ewlenin ikopru spettru wiesa' ta' attivitajiet: is-sorveljanza, l-informazzjoni dwar l-epidemiji, ir-rispons, il-parir xjentifiku, il-mikrobijoloġija, it-tħejjija, it-taħriġ dwar is-saħħa pubblika, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-komunikazzjoni dwar is-saħħa, u l-ġurnal xjentifiku Eurosurveillance.

Fil-qasam tal-mard li jista' jiġi evitat bil-vaċċini, l-ECDC jipprovdi data regolari dwar is-sorveljanza, eż. l-għadd ta' każijiet ikkonfermati, u parir xjentifiku dwar il-vaċċini, jimmonitorja t-tifqigħat tal-mard u jiżviluppa materjali biex tiġi appoġġjata l-komunikazzjoni dwar l-immunizzazzjoni.

L-ECDC iżomm ukoll Skeda tal-Vaċċini, li hija pjattaforma online u interattiva li turi l-iskedi tat-tilqim tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Għal aktar informazzjoni żur: https://www.ecdc.europa.eu/

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) hija aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni Ewropea (UE) responsabbli għall-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza tal-mediċini fl-UE. L-EMA hija organizzazzjoni ta’ netwerking li l-attivitajiet tagħha jinvolvu lil eluf ta’ esperti minn madwar l-Ewropa. Dawn l-esperti jwettqu l-ħidma tal-kumitati xjentifiċi tal-EMA.

L-EMA tiżgura l-effikaċja, il-kwalità u s-sikurezza tal-vaċċini. L-EMA u l-kumitati xjentifiċi tagħha jeżaminaw id-data kollha disponibbli u jivvalutaw il-benefiċċji u r-riskji tagħhom qabel ma jiġu approvati u waqt li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE. L-EMA taħdem mill-qrib mas-sħab Ewropej u internazzjonali u taqsam informazzjoni dwar il-vaċċini u l-prattika regolatorja tajba.

Għal aktar informazzjoni żur: https://www.ema.europa.eu /

Ikkuntattjana

Tista’ tikkuntattjana permezz ta’ evip@ecdc.europa.eu

(1) Il-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-EMA għandhom mekkaniżmi fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità. Il-persunal u l-esperti huma meħtieġa jiddikjaraw kwalunkwe interess personali jew kwalunkwe interess fi kwalunkwe negozju jew organizzazzjoni li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom. Dan bil-għan li jiġi żgurat li, meta jwettqu l-kompiti tagħhom, il-persunal u l-esperti ma jindirizzawx kwistjonijiet li jista' jkollhom interess personali fihom, b'mod dirett jew indirett, li jista' jxekkel l-indipendenza tagħhom.

Page last updated 13 Mar 2020