Epatite B

X’inhi l-epatite B? 

L-epatite B hija infezzjoni tal-fwied ikkawżata mill-virus tal-epatite B, li tinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi infettati tal-ġisem.

Il-parti l-kbira tal-infezzjonijiet iseħħu permezz ta’ kuntatt ma’ demm infettat, iżda fluwidi seminali, il-bżieq u l-fluwidi vaġinali jistgħu jkunu infettivi wkoll.

Wara infezzjoni bl-epatite B, ċerti persuni jiżviluppaw infezzjoni kronika, jew fuq medda twila ta’ żmien.

Nauseous man

X’inhuma s-sinjali u s-sintomi tal-epatite B? 

Bosta individwi ma jkollhom l-ebda sinjal jew sintomu assoċjat ma’ infezzjoni fuq medda qasira ta’ żmien, iżda dawk li jkollhom jistgħu jesperjenzaw dawn li ġejjin:

  • suffejra (sfura tal-ġilda jew tal-abjad tal-għajn)
  • awrina skura
  • għeja
  • telf ta’ aptit
  • skumdità addominali
  • nawżja
  • remettar
  • deni

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-epatite B? 

Ċerti persuni jistgħu jiżviluppaw infezzjoni kronika, jew fuq medda twila ta’ żmien. Aktar ma persuna tkun żgħira fl-età meta tkun infettata, aktar ikollha riskju li tiżviluppa infezzjoni kronika tal-epatite B. Pereżempju, sa 90 % tat-trabi infettati bil-virus jistgħu jiżviluppaw infezzjonijiet kroniċi, filwaqt li inqas minn 5 % tal-adulti infettati jiżviluppaw infezzjonijiet kroniċi.

Persuni b’infezzjoni kronika jkunu f’riskju ogħla ta’ aktar kumplikazzjonijiet, inkluż ċirrożi (tbajja tal-fwied) u kanċer tal-fwied (karċinoma epatoċellulari).

couple illustration

Kif tinfirex l-epatite B? 

L-epatite B tinfirex permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi kontaminati tal-ġisem, bħad-demm, jew matul kuntatt sesswali. Fl-UE/Fiż-ŻEE, l-aktar komuni ta’ trażmissjoni tal-virus huwa permezz ta’trażmissjoni sesswali.

Inqas komuni, it-trażmissjoni xi kultant isseħħ f’ambjenti tal-kura tas-saħħa minħabba l-isterilizzazzjoni inadegwata ta’ tagħmir mediku, jew l-użu mill-ġdid ta’ siringi u labar. It-trażmissjoni permezz ta’ trasfużjonijiet tad-demm jew tal-prodotti tad-demm hija issa rari fl-Ewropa minħabba programmi effettivi tas-sikurezza tad-demm.

Il-virus jista’ jiġi trażmess ukoll matul il-ħlas. Dan huwa rari fl-Ewropa bis-saħħa ta’ programmi ta’ ttestjar matul it-tqala (skrinjar ta’ qabel it-twelid) u tilqim mat-twelid meta l-omm tittestja pożittiv għall-virus. Madankollu, it-trażmissjoni ta’ omm infettata lit-tarbija tagħha matul it-tqala jew it-twelid (trażmissjoni vertikali) tibqa’ waħda mill-modi ta’ trażmissjoni l-aktar komuni fuq livell dinji.

Il-virus jista’ xi drabi jiġi trażmess ukoll permezz tal-kondiviżjoni ta’ oġġetti li jkunu ġew ikkontaminati bi fluwidi infettati tal-ġisem. Oġġetti li jaqtgħu l-ġilda jew il-membrani mukużi, bħal xfafar u xkupilji tas-snien, jistgħu jirriżultaw f’esponiment għal demm infettat. 

Min huwa f’riskju li taqbdu l-epatite B?

Għalkemm l-epatite B tista’ taqbad lil kulħadd, il-gruppi li ġejjin huma fl-akbar riskju:

  • kuntatti sesswali ta’ persuni bl-epatite B
  • persuni li jinjettaw id-drogi jew jikkondividu labar, siringi, u tipi oħra ta’ tagħmir tad-droga
  • trabi mwielda minn ommijiet b’epatite B
  • persuni li jgħixu ma’ xi ħadd li għandu l-epatite B
  • ċerti gruppi ta’ pazjenti bħad-dijabetiċi jew il-persuni fuq dijaliżi 
  • ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa esposti għad-demm
process of vaccination illustration

Kif tista’ tiġi evitata l-epatite B? 

It-tilqim kontra l-epatite B huwa l-forma l-aktar effettiva ta’ prevenzjoni kontra l-infezzjoni. Il-vaċċini sikuri u effettivi joffru livelli għolja ta’ protezzjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa implimentaw programmi universali ta’ tilqim tat-tfal kontra l-epatite B.

Din tista’ tiġi evitata wkoll permezz ta’

  • prattiki sikuri ta’ injezzjoni
  • prattiki sesswali aktar sikuri
  • strateġiji komprensivi għas-sikurezza tad-demm
  • kontroll robust tal-infezzjoni f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa

Kif tiġi ttrattata l-epatite B? 

Il-parti l-kbira tal-pazjenti ma jirċevux trattament antivirali speċifiku għall-epatite B akuta u jingħataw kura ta’ appoġġ abbażi tas-sintomi tagħhom.

L-infezzjoni tal-epatite B kronika tista’ tiġi ttrattata permezz ta’ mediċini antivirali. It-trattament ma jikkurax lil persuna mill-infezzjoni, iżda jista’ jnaqqas jew iwaqqaf il-progressjoni taċ-ċirrożi, inaqqas il-probabbiltà tal-kanċer tal-fwied, u jtejjeb is-sopravivenza fuq medda twila ta’ żmien. 

Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.