Kif jaħdmu l-vaċċini

Il-vaċċini jaħdmu billi jistimulaw reazzjoni mis-sistema immunitarja għal virus jew batterju. Dan joħloq “memorja” fis-sistema immunitarja. Din il-memorja immunitarja tippermetti lill-ġisem “jiftakar” virus jew batterju speċifiku, sabiex ikun jista’ jipproteġi lilu nnifsu kontra dan il-virus jew il-batterju u jipprevjeni l-mard li huwa jikkawża.

Il-biċċa l-kbira tal-vaċċini fihom forma mdgħajfa jew inattivata (maqtula) ta’ virus jew batterju, jew parti żgħira tal-virus jew il-batterju li ma tistax tikkawża mard. Dan jissejjaħ antiġene.

Meta persuna tirċievi vaċċin, is-sistema immunitarja tagħha tagħraf l-antiġene bħala barrani. Dan jattiva ċ-ċelloli immunitarji sabiex joqtlu l-virus jew il-batterju li jikkawża l-marda u jagħmlu antikorpi kontrih.

Dan jattiva wkoll iċ-ċelloli immunitarji - imsejħa ċelloli T u ċelloli B - fid-demm, fil-mudullun u mal-ġisem kollu.

Aktar tard, jekk il-persuna tiġi f’kuntatt mal-virus jew mal-batterju proprju, is-sistema immunitarja tagħhom “tiftakru”.

Din imbagħad tkun tista’ tipproduċi l-antikorpi x-xierqa u tattiva malajr iċ-ċelloli immunitarji x-xierqa, biex joqtlu l-virus jew il-batterju. Dan jipproteġi lill-persuni mill-marda.

Vaċċini differenti jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni. Kemm iddum il-protezzjoni jiddependi wkoll mill-marda li l-vaċċin ikun qed jipproteġi kontriha. Xi vaċċini jistgħu jipproteġu biss kontra marda għal perjodu qasir u jista’ jkollhom bżonn dożi booster; għal oħrajn, l-immunità tista’ ddum tul ta’ ħajja.

It-tilqim ma jippoteġix biss lin-nies li jkunu rċevew vaċċin. Billi jnaqqas ir-riskju għall-esponiment għal infezzjoni, huwa jipproteġi indirettament lin-nies mhux imlaqqma fil-komunità, bħal tfal li għadhom żgħar wisq biex jiġu mlaqqma jew nies li jkollhom sistemi immunitarji mdgħajfa.

Din l-immunità komunitarja (imsejħa wkoll immunità kollettiva) teħtieġ li biżżejjed nies f’żona jiġu mlaqqma.

B’kuntrast għal dan, nies li jsiru immuni billi jieħdu l-marda proprja jistgħu:

  • jesponu lil nies oħra għall-marda
  • ipoġġu lilhom infushom f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet serji mill-marda.
How vaccines work
1. Antiġene 2. Antikorpi 3. Reazzjoni immuni

Vaċċini abbażi ta’ proteini

Vaċċini abbażi ta’ proteini fihom frammenti żgħar ta’ proteini ta’ virus jew batterju li jippermetti lis-sistema immunitarja tagħrafhom bħala barranin.

Dawn jinkludu vaċċini stabbiliti sew, bħal vaċċini kontra l-influwenza, it-tetnu u s-sogħla konvulżiva.

Dawn il-vaċċini ta’ spiss ikun fihom proteini minn superfiċje ta’ virus. Fil-virus, dawn il-proteini jippermettulu li jeħel ma’ ċellola umana u jinfettaha. Iżda f’vaċċin, il-proteini, magħmula f’laboratorju, jistimulaw biss is-sistema immunitarja u ma jikkawżawx infezzjoni jew mard.

Il-vaċċini abbażi ta’ proteini ta’ spiss ikun fihom sustanzi msejħa aġġuvanti. Dawn isaħħu r-reazzjoni tas-sistema immunitarja għall-vaċċin u jżidu l-protezzjoni.

Il-vaċċini abbażi ta’ proteini ilhom jintużaw għal ħafna snin.

Aktar reċenti, l-Unjoni Ewropea (UE) awtorizzat vaċċini ġodda abbażi ta’ proteini, inkluż vaċċin li jipproteġi kontra l-COVID-19.

vaċċini mRNA u vaċċini abbażi ta’ vettur virali

Minflok proteina, il-vaċċini mRNA u l-vaċċini abbażi ta’ vettur virali fihom struzzjonijiet għaċ-ċelloli umani li jgħidulhom kif jagħmlu proteina antiġene. Dawn l-istruzzjonijiet jiġu f’żewġ forom:

  • molekula msejħa messaġġiera aċidu ribonuklejku jew mRNA;
  • informazzjoni ġenetika ġewwa “vettur” li ma jagħmilx ħsara jew virus trasportatur, modifikat sabiex ma jkunx jista’ jikkawża marda.

Meta persuna tirċievi vaċċin mRNA jew vaċċin abbażi ta’ vettur virali, uħud miċ-ċelloli tagħhom jaqraw dawn l-istruzzjonijiet. Dawn iċ-ċelloli mbagħad jipproduċu l-proteina antiġene għal żmien qasir qabel ma jkissru l-mRNA jew il-virus li ma jagħmilx ħsara.

Is-sistema immunitarja tagħraf il-proteina antiġene li tiġi prodotta miċ-ċelloli proprji tal-ġisem bħala barranija, u tattiva ċelloli immunitarji u toħloq antikorpi.

Ir-riċerkaturi ilhom jaħdmu biex jiżviluppaw vaċċini mRNA u vaċċini abbażi ta’ vettur virali għal deċennji, u fis-snin 2010 għamlu avvanzi sinifikanti.

B’segwitu għal investiment addizzjonali fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020, l-ewwel erba’ vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE kienu vaċċini mRNA jew vaċċini abbażi ta’ vettur virali.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-vaċċini u l-mod kif l-UE approvathom hija disponibbli: Vaċċini kontra l-COVID-19.

Vaċċini kontra l-COVID-19

Tgħallem aktar dwar kif jaħdmu l-vaċċini kontra l-COVID-19, l-iżvilupp u l-approvazzjoni tagħhom, u kif tiġi sorveljata s-sikurezza tagħhom.

Page last updated 6 Apr 2022