COVID-19
X’inhi l-COVID-19?
Il-COVID-19 hija l-marda kkawżata mill-virus imsejjaħ coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (SARS-CoV-2). SARS-CoV-2 hija razza ġdida ta’ coronavirus. Ma kienx ġie identifikat fil-bnedmin qabel Diċembru 2019.
Hemm ħafna tipi differenti ta’ coronavirus. Il-coronavirusis fil-biċċa l-kbira tagħhom jinfettaw l-annimali, iżda xi wħud jistgħu jinfettaw lill-bnedmin ukoll.
It-tifqigħa attwali tal-COVID-19 bdiet lejn l-aħħar tal-2019; l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat pandemija fil-11 ta’ Marzu 2020 [1].
Din hija l-ewwel pandemija kkawżata minn coronavirus.

X’inhuma s-sintomi tal-COVID-19?
Is-sintomi ewlenin tal-COVID-19 huma:
- deni
- sogħla
- dgħufija jew għeja ġenerali
- bidla jew telf tat-togħma jew tax-xamm
- uġigħ fil-griżmejn
- uġigħ ta’ ras
- uġigħ fil-muskoli
- dijarea.
Is-severità tal-marda tvarja ħafna minn persuna għal oħra.
Xi persuni bil-COVID-19 huma asintomatiċi. Dan ifisser li ma għandhom l-ebda sintomu.
F’każijiet serji, is-sintomi jistgħu jinkludu
- diffikultà fit-teħid tan-nifs jew qtugħ ta’ nifs
- konfużjoni
- uġigħ fis-sider.
Persuni b’sintomi severi jista’ jkollhom bżonn ta’ kura medika u ta’ appoġġ speċjalizzati.
Il-kundizzjoni tal-pazjent tista’ taggrava malajr u jekk hu hekk, dan iseħħ fit-tieni ġimgħa tal-marda.
Sfortunatament, xi persuni bil-COVID-19 jeħtieġ li jmorru l-isptar. Xi wħud minn dawn jistgħu saħansitra jkunu jeħtieġu kura intensiva, xi kultant għal perjodi estiżi.
X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-COVID-19?
Persuni b’sintomi severi li jaffettwaw il-passaġġi tan-nifs jista’ jkollhom bżonn jitqiegħdu fuq respiratur (appoġġ mekkaniku għall-ventilazzjoni). Dan jista’ jagħmilhom aktar suxxettibbli li jieħdu infezzjoni minbarra l-COVID-19, bħall-pulmonite.
Xi pazjenti bil-COVID-19 huma wkoll f’riskju ogħla ta’ kumplikazzjonijiet relatati mal-koagulazzjoni, bħal attakki ta’ puplesija jew attakki tal-qalb.
Barra minn hekk, xi drabi, il-pazjenti jistgħu jesperjenzaw sintomi relatati mas-sistema nervuża. Dawn jistgħu jinkludu bidliet temporanji fil-personalità jew livelli mibdula ta’ viġilanza .
Il-probabbiltà li persuna jkollha tmur ġo sptar hija ogħla għall-anzjani, b’mod partikolari għall-persuni ta’ aktar minn 60 sena u għal dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti.
B’mod ġenerali, ir-riskju ta’ mewt mill-COVID-19 huwa baxx, iżda ogħla milli huwa fil-każ tal-influwenza. Ir-riskju ta’ mewt huwa ogħla f’persuni akbar fl-età, kif ukoll f’persuni li għandhom mard fit-tul kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti.
X’inhi l-kondizzjoni ta’ wara l-COVID-19 jew il-COVID fit-tul?
Numru żgħir ta’ pazjenti jistgħu jbatu minn effetti fit-tulmill-infezzjoni SARS-CoV-2. Din tissejjaħ il-kondizzjoni ta’ wara l-COVID-19 magħrufa wkoll bħala COVID fit-tul.
Il-kondizzjoni ta’ wara l-COVID-19 taffettwa pazjenti ta’ kull età, inklużi persuni li kellhom biss sintomi ħfief tal-COVID-19 meta ġew infettati għall-ewwel darba.
Is-sintomi jinkludu:
- telf tax-xamm jew tat-togħma
- għeja
- dgħufija ġenerali
- qtugħ ta’ nifs
- indeboliment konjittiv
M’hemm l-ebda test għad-dijanjożi tal-kondizzjoni ta’ wara l-COVID-19 u s-sintomi jistgħu jdumu ġimgħat, xhur, jew aktar. Bħalissa ma hemm l-ebda trattament għal din il-kondizzjoni, madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li l-individwi mlaqqma kontra l-COVID-19 huma inqas probabbli li jirrapportaw sintomi ta’ wara l-kondizzjoni tal-COVID-19.

Kif tinfirex il-COVID-19?
Il-virus SARS-CoV-2 jinfirex minn persuna għal oħra primarjament permezz ta’ partikoli żgħar rilaxxati fl-arja meta persuna infettata tieħu nifs u b’mod partikolari meta titkellem, tkanta, tgħajjat, tagħtas, tisgħol, eċċ.. Dawn il-partikoli mbagħad jistgħu jilħqu lil persuni oħrajn fil-qrib (normalment sa żewġ metri ’l bogħod), li jistgħu jeħduhom man-nifs.
Partikoli akbar (taqtiriet) jistgħu wkoll jinżlu fuq uċuħ u jintmessu minn nies oħra. Dawn in-nies jistgħu mbagħad jaqbdu l-virus minn idejhom u jiġu infettati meta jmissu mneħirhom, ħalqhom jew għajnejhom. Il-virus jista’ jissopravivi fuq uċuħ differenti għal diversi sigħat bħar-ram jew il-kartun jew sa ftit jiem fuq uċuħ tal-plastik jew tal-istainless steel.
It-trażmissjoni minn persuna infettata għal oħra tista’ tibda anki jumejn qabel il-persuna infettata tibda turi s-sintomi. Bħala medja, persuna infettata waħda tinfetta sa ħames persuni oħra, jekk ma jieħdu l-ebda miżura biex jipprevjenu t-trażmissjoni.
Normalment wieħed jieħu minn ħamest ijiem sa sitt ijiem biex jibda juri sintomi wara li jkun ġie infettat. Madankollu dan jista’ jvarja minn jum għal ġimagħtejn.

Min huwa f’riskju li taqbdu l-COVID-19?
Kulħadd huwa f’riskju li taqbdu l-COVID-19?
Madankollu, xi gruppi tal-popolazzjoni huma aktar probabbli li jiżviluppaw mard serju. Dawn jinkludu persuni li għandhom aktar minn 60 sena u nisa tqal, kif ukoll persuni b’kondizzjonijiet tas-saħħa sottostanti, eż.:
- obeżità
- pressjoni għolja tad-demm
- dijabete
- mard tal-qalb
- mard fit-tul li jaffettwa l-pulmun u l-passaġġi tal-arja
- kondizzjonijiet li jaffettwaw is-sistema nervuża
- sistema immunitarja dgħajfa.
Is-sintomi fl-adulti għandhom it-tendenza li jkunu iktar severi milli fit-tfal. Madankollu, it-tfal xorta jgħaddu l-virus lil oħrajn, u xi wħud jiżviluppaw mard serju.
Spazji fuq ġewwa ffullati jipprovdu opportunitajiet għall-COVID-19 biex tinfirex malajr: il-ħabsijiet, iċ-ċentri tal-migranti u l-impjanti tal-ipproċessar tal-ikel kollha raw tifqigħat sinifikanti.
Huwa possibbli li arja kiesħa jew niedja tista’ żżid il-possibbiltajiet li l-virus jgħaddi minn persuna għal oħra.

Il-COVID-19 kif jista’ jiġi evitat?
L-aktar mod effettiv għall-prevenzjoni tal-COVID-19 huwa permezz tat-tilqim flimkien ma’ miżuri bħal li jintlibsu maskli tal-wiċċ u t-tbegħid fiżiku. Persuni li jingħataw it-tilqima għandhom inqas ċans li jkollhom mard serju jew li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar. Din hija r-raġuni għaliex il-korpi tas-saħħa pubblika qegħdin iħeġġu lill-persuni eliġibbli kollha biex jieħdu l-vaċċin sħiħ kontra l-COVID-19 mill-aktar fis possibbli. Aqra aktar dwar il-vaċċini tal-COVID-19.
Iż-żamma tad-distanza fiżika minn oħrajn, ventilazzjoni tajba tal-ispazji fuq ġewwa u l-ilbies ta’ maskra tal-wiċċ huma lkoll miżuri biex jgħinu biex iwaqqfu t-trażmissjoni.
Il-ħasil tal-idejn ta’ spiss bis-sapun u bl-ilma jew bl-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-alkoħol jgħin ukoll biex jiġi evitat it-trasferiment tal-virus mill-idejn għal ġol-ġisem mill-għajnejn, mill-imnieħer jew mill-ħalq. Għal aktar dettalji, ara l-infografika dwar miżuri mhux farmaċewtiċi tagħna.

Kif jiġi kkurat il-COVID-19?
Mediċini għall-kura tal-COVID-19 li jimmiraw il-virus direttament qegħdin isiru disponibbli. Madankollu, dawn jintużaw l-aktar biex tiġi evitata marda severa fi gruppi b’riskju għoli.
It-trattament ewlieni għall-biċċa l-kbira tal-pazjenti b’mard sever jibqa’ l-kura ta’ appoġġ, (eż. bħall-użu ta’ terapija bl-ossiġenu u l-ġestjoni tal-livelli tal-fluwidi) li ta’ spiss hija effettiva ħafna.
Għall-informazzjoni l-aktar reċenti dwar it-trattamenti tal-COVID-19, żur is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA): Trattamenti u vaċċini għall-COVID-19 jew is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: Trattamenti għall-COVID-19 (europa.eu)
Aktar informazzjoni
--------------------------------------------------------------------
Referenza:
(1) Ir-rimarki tal-ftuħ tad-Direttur Ġenerali tal-WHO waqt il-briefing għall-midja dwar il-COVID-19, 11 ta’ Marzu 2020. Disponibbli fuq https://www.who.int/dg/speeches/detail/who-director-general-s-opening-remarks-at-the-media-briefing-on-covid-19---11-march-2020
Nota: Din l-iskeda informattiva hija maħsuba għal skopijiet ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut għall-kompetenza individwali u għall-ġudizzju ta’ professjonista tal-kura tas-saħħa.
Vaċċini kontra l-COVID-19
Tgħallem aktar dwar kif jaħdmu l-vaċċini kontra l-COVID-19, l-iżvilupp u l-approvazzjoni tagħhom, u kif tiġi sorveljata s-sikurezza tagħhom.