Pertussis

Skeda Informattiva

X’inhi l-pertussis?

Il-pertussis hija marda batterika infettiva ħafna li tinvolvi l-pulmun u l-passaġġi tan-nifs. Din magħrufa wkoll bħala sogħla konvulżiva. Din tiġi kkawżata minn batterji fil-ħalq, fl-imnieħer u fil-griżmejn ta’ persuna infettata.

Symptoms of pertussis

X’inhuma s-sintomi tal-pertussis?

Is-sintomi normalment jidhru 7 sa 10 ijiem wara infezzjoni, iżda jistgħu jidhru wkoll sa 21 jum wara:

  • Għall-bidu, is-sintomi jixbhu dawk ta’ riħ komuni (għatis, imnieħer iqattar, deni baxx u sogħla ħafifa).
  • Fi żmien ġimagħtejn, is-sogħla ssir aktar severa u tkun ikkaratterizzata minn episodji ta’ sogħla rapida numeruża, segwiti minn “tqaħqiħa” ta’ vuċi għolja jew ton għoli. Dawn l-episodji spiss jispiċċaw bil-ħruġ ta’ mukus magħqud u trasparenti, ħafna drabi segwit minn rimettar. Dawn fil-bidu jseħħu billejl imbagħad isiru aktar frekwenti matul il-jum u jistgħu jerġgħu jseħħu għal xahar sa xahrejn.
  • Fi trabi żgħar it-“tqaħqiħa” normali tista’ ma tiżviluppa qatt, u l-episodji tas-sogħla jistgħu jiġu segwiti minn perjodi qosra meta jieqaf it-teħid tan-nifs. Wara din il-fażi, l-episodji tas-sogħla jsiru inqas frekwenti u inqas severi, u t-tarbija bil-mod teqleb għall-aħjar (dan jista’ jieħu sa tliet xhur).

L-adolexxenti, l-adulti jew it-tfal parzjalment immunizzati ġeneralment ikollhom sintomi eħfef jew xi ftit differenti. F’dawn il-gruppi, u fi trabi żgħar ħafna, il-pertussis hija aktar diffiċli biex tiġi dijanjostikata.

family illustration

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-pertussis?

L-aktar forom severi tal-pertussis huma fit-trabi. Il-pertussis fi trabi mhux imlaqqma jew trabi li ommhom ma kinitx imlaqqma tista’ tkun partikolarment severa. Il-kumplikazzjonijiet jinkludu pulmonite, enċefalopatija (marda tal-moħħ), aċċessjonijiet u anki mewt.

Fl-adulti u fi tfal akbar fl-età, il-kumplikazzjonijiet jinkludu n-nuqqas ta’ ħila li jieħdu n-nifs għal perjodi qosra, kustilji miksura, prolassi rettali u ernji.

Kif tinfirex il-pertussis?

Il-pertussis tinfirex minn taqtiriet żgħar fl-arja li jiġu prodotti meta l-persuna infettata tisgħol. Il-pertussis tista’ tinfirex ukoll minn individwu li għandu biss forma ħafifa tal-marda, jew minn individwu infettat li m’għandu l-ebda sintomu. Ta’ spiss, aħwa akbar fl-età u ġenituri li jistgħu jkunu qed iġorru l-batterji jġibu l-marda d-dar u jinfettaw tarbija fl-unità domestika.

Min qiegħed f’riskju li taqbdu l-pertussis?

Kwalunkwe persuna li mhijiex imlaqqma bil-vaċċin tal-pertussis, jew li l-istatus tat-tilqim tagħha mhuwiex aġġornat, tinsab f’riskju li taqbadha l-marda.

Baby being vaccinated

Kif tista’ tiġi pprevenuta l-pertussis?

L-aktar mod importanti ta’ kif tiġi pprevenuta l-pertussis huwa permezz ta’ immunizzazzjoni sħiħa. Il-vaċċin għall-pertussis normalment jingħata flimkien mat-tilqima tad-difterite u tat-tetnu (ħafna drabi flimkien ukoll mat-tilqima tal-poljomijelite, Haemophilus influenzae u l-epatite B). Kors primarju ta’ 2-3 dożi normalment jingħata bejn età ta’ xahrejn u tnax-il xahar, skont l-iskeda tat-tilqim nazzjonali. It-tielet jew ir-raba’ doża hija rakkomandata fl-età ta’ 11-24 xahar, u doża oħra bejn età ta’ tliet u seba’ snin.

Xi pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jirrakkomandaw boosters għall-adolexxenti, adulti u/jew nisa waqt it-tqala, li temporanjament, jipproteġu wkoll it-tarbija meta titwieled. Xi pajjiżi jirrakkomandaw ukoll booster għal nisa mhux protetti ftit wara li jkunu welldu, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-marda lit-tarbija.

Kif tiġi ttrattata l-pertussis?

Jistgħu jintużaw l-antibijotiċi biex jittrattaw il-pertussis u anki biex jipprevjenu aktar il-firxa tal-marda. Madankollu, sabiex ikun l-aktar effettiv, it-trattament għandu jinbeda kmieni kif tibda l-marda, matul l-ewwel ġimgħa sa ġimagħtejn qabel iseħħu l-episodji ta’ sogħla rapida numeruża.

Għal aktar informazzjoni iċċekkja s-sit web tal-ECDC https://www.ecdc.europa.eu/en/pertussis/facts (EN)

Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist tal-kura tas-saħħa.

Aktar skedi informattivi

Difterite

Fatti ewlenin dwar id-difterite, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.

Epatite A

Fatti ewlenin dwar l-epatite A, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinfirex, il-prevenzjoni u l-kura.

Page last updated 13 Mar 2020