Poljo

Skeda Informattiva

X’inhu l-poljo?

Il-poljomelite hija marda virali li taffettwa s-sistema nervuża ċentrali. Storikament, din kienet kawża ewlenija ta’ mewt, paraliżi akuta u diżabilitajiet tul il-ħajja.

Fl-1988, tressqet riżoluzzjoni mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa biex tinqered il-poljo. Programmi ta’ tilqim fuq skala kbira kisbu suċċess fl-eliminazzjoni tal-poljo naturali mill-biċċa l-kbira taż-żoni tad-dinja, u l-isforzi għadhom għaddejjin biex jitwaqqaf it-tixrid tal-poljo fi ftit pajjiżi li fadal fejn dan għadu jseħħ.

It-tilqim huwa kruċjali fil-ġlieda kontra l-poljo, u l-għan huwa li tinkiseb dinja ħielsa mill-poljo.

Image of woman with fever

X’inhuma s-sintomi tal-poljo?

Ir-riżultati ta’ infezzjoni tal-poljovirus jistgħu jvarjaw minn infezzjoni mingħajr ebda sintomu għal paraliżi u mewt.

  • Madwar 70 % ta’ dawk infettati bil-poljo ma jesperjenzaw l-ebda sintomu.
  • Madwar 25 % jesperjenzaw sintomi ħfief biss (eż. deni, uġigħ ta’ ras, rimettar u dijarea).
  • Paraliżi sseħħ f’inqas minn 1 % tal-infezzjonijiet kollha u tista’ twassal għal diżabilità permanenti u mewt. Tibda b’sintomi ta’ meninġite, segwit minn uġigħ sever fil-muskoli u telf tas-sensazzjoni u l-moviment f’partijiet differenti tal-ġisem. Wara ġurnata jew tnejn, jiżviluppaw id-debbulizza u l-paraliżi. Kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dirgħajn/riġlejn jistgħu jipparalizzaw, madankollu huma r-riġlejn li l-aktar li jiġu affettwati.

Image of man in wheelchair

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-poljo?

Għal dawk li jbatu minn paraliżi, 5-15 % tal-każijiet imutu minħabba li l-muskoli tan-nifs isiru immobbli, u żewġ terzi jesperjenzaw debbulizza permanenti. F’każijiet rari, il-poljovirus jista’ jikkawża infjammazzjoni tal-moħħ.

Kif tinfirex il-poljo?

Il-poljo hija kuntaġġuża ħafna; tinxtered faċilment minn persuna waħda għal oħra. Il-virus jinxtered permezz ta’ kontaminazzjoni ta’ idejn, utensili, ikel u ilma b’materja fekali minn persuna infettata u permezz ta’ qtajriet jew erosols mill-griżmejn ta’ persuna infettata.

Min huwa f’riskju tal-poljo?

Il-persuni kollha mhux imlaqqma jistgħu jiġu infettati bil-poljovirus. Tfal żgħar li għandhom inqas minn sitt xhur jista’ jkollhom xi protezzjoni mill-immunità li tgħaddi mill-omm. Madankollu, tfal taħt il-ħames snin huma fl-ogħla riskju li jiġu infettati.

Il-fatturi li jikkontribwixxu għat-tixrid tal-poljo jinkludu:

  • densità għolja tal-popolazzjoni
  • infrastruttura dgħajfa tas-servizz tas-saħħa
  • sanità dgħajfa
  • inċidenza għolja ta’ mard li jikkawża d-dijarea
  • kopertura baxxa ta’ tilqim tal-poljo.
Baby being vaccinated

Kif tista’ tiġi pprevenuta l-poljo?

Il-poljo ma tistax titfejjaq. Tista’ tiġi pprevenuta biss permezz ta’ immunizzazzjoni. Il-persuni jistgħu jsiru immuni wara li jkunu tlaqqmu jew għax ikunu ġew infettati bil-virus.

Żewġ tipi ta’ vaċċini huma disponibbli: vaċċin kontra l-poljo mhux attivat (inactivated poliovirus vaccine, IPV) u vaċċin ħaj attenwat kontra l-poljo orali (oral polio vaccine, OPV). It-tnejn huma effettivi ħafna kontra l-poljovirus.

Għalkemm il-vaċċin tal-OPV ma jintużax fl-UE, għadu jintuża f’ċerti pajjiżi b’tixtrid tal-poljo naturali, sabiex jiġu kkontrollati t-tifqigħat. L-OPV huwa sikur u effettiv u jwaqqaf it-tixrid tal-poljo.

Madankollu, f’każijiet rari, u fost il-komunitajiet biss b’kopertura baxxa ta’ immunizzazzjoni, il-virus ħaj attenwat fl-OPV jista’ jiċċirkola f’komunità għal perjodu estiż ta’ żmien u jiġi mutat f’forma li tikkawża l-paraliżi. Dan ma jfissirx li jkun reġa’ tfaċċa l-poljovirus naturali. Minħabba f’hekk, hemm proċess li jwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ vaċċin globalment kemm jista’ jkun malajr wara li t-tixrid tal-poljo naturali jiġi eradikat.

It-tilqim tal-poljo b’IPV huwa parti mill-programm ta’ immunizzazzjoni ta’ rutina għat-tfal fl-Istati Membri tal-UE. Il-vaċċin tal-IPV jista’ jingħata waħdu jew flimkien ma’ vaċċini oħra (eż. difterite, tetnu, pertussi, epatite B u Haemophilus influenzae tip b).

It-tixrid tal-poljo jista’ jitnaqqas ukoll permezz ta’:

  • provvista ta’ ilma nadif
  • titjib tal-prattiċi tal-iġjene
  • sanità aħjar.

Kif jiġi ttrattat il-poljo?

Ma hemm l-ebda trattament speċifiku disponibbli għal poljomjelite akuta u l-każijiet jiġu ġestiti billi jiġu ttrattati s-sintomi. Il-paraliżi permanenti tal-poljo mhijiex riversibbli, it-trattament jista’ biss itejjeb il-mobbiltà.

Page last updated 3 Oct 2022