Virus tal-papilloma uman (HPV)

Skeda Informattiva

X’inhu l-HPV?

L-infezzjoni tal-virus tal-papilloma uman (HPV) hija infezzjoni virali li tiġi trażmessa l-aktar sesswalment permezz ta' kuntatt dirett ma’ persuna infettata. Hija l-aktar infezzjoni li tiġi trażmessa sesswalment b’mod komuni madwar id-dinja.

Hemm aktar minn 100 tip ta’ virus ta’ HPV. Madwar 40 minnhom jistgħu jinfettaw lill-ġenitali. Tal-inqas 14-il tip ta’ HPV, ikklassifikati bħala ta’ “riskju għoli”, jistgħu jikkawżaw il-kanċer, bħal kanċer ċervikali fin-nisa. Il-kanċer ċervikali (kanċer tal-għonq tal-utru) huwa l-aktar kanċer komuni wara l-kanċer tas-sider li jaffettwa n-nisa li għandhom bejn 15 u 44 sena fl-Ewropa (1). It-tipi ta’ HPV ta’ “riskju għoli” jistgħu jikkawżaw ukoll kanċer anali u ġenitali, u xi kanċers tar-ras u tal-għonq, kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa. It-tipi ta’ HPV ta’ “riskju baxx” jistgħu jikkawżaw felul ġenitali u anali.

Dan il-filmat huwa disponibbli fl-24 lingwa tal-UE. Ixgħel is-sottotitoli bil-lingwa tiegħek.
symptoms smaller illustration

X’inhuma s-sintomi ta’ HPV?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, infezzjoni bl-HPV tgħaddi waħedha mingħajr l-ebda sintomu jew problema evidenti. Madankollu, xi drabi infezzjoni bl-HPV tista’ tippersisti u wara xi snin tikkawża xi wħud mill-kumplikazzjonijiet elenkati hawn taħt.

X’inhuma l-kumplikazzjoni ta’ HPV?

Jekk HPV ma jgħaddix, dan jista’ jikkawża:

  • kanċer ċervikali jew tipi oħra ta’ kanċers (eż. vulvari, vaġinali, anali, tal-pene, u xi kanċers tar-ras u tal-għonq)
  • felul ġenitali u anali
couple illustration

Kif jinfirex l-HPV?

L-HPV jiġi trażmess b’kuntatt dirett, l-aktar sesswalment, ma’ xi ħadd li għandu l-virus.

Min huwa f’riskju ta’ HPV?

Kull min hu sesswalment attiv huwa f’riskju li jiġi infettat bl-HPV.

process of vaccination illustration

L-HPV, kif tista’ tiġi pprevenuta?

It-tilqim tal-bniet u tas-subien kontra l-HPV jista’ jipprevjeni infezzjonijiet HPV u konsegwentement mard relatat mal-HPV fiż-żewġ sessi, inklużi felul ġenitali u anali, kanċer ċervikali u kanċers oħra kkawżati mill-HPV. Normalment, it-tilqim ta’ rutina kontra l-HPV isir fl-età ta’ bejn 9 u 14-il sena, skont l-iskeda ta’ tilqim nazzjonali.

L-użu ta’ kondoms mhuwiex effettiv 100% fil-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-virus. Dan peress li l-HPV xi drabi tista’ tinfetta wkoll il-ġilda tal-madwar li mhijiex protetta mill-kondom.

Kif jiġi ttrattat l-HPV?

M'hemm l-ebda trattament għall-virus innifsu, iżda l-problemi tas-saħħa kkawżati mill-HPV jistgħu jiġu ttrattati b’modi differenti. Il-felul ġenitali jista’ jiġi ttrattat permezz ta’ medikazzjoni jew b’operazzjoni. Għandu jiġi kkonsultat fornitur tal-kura tas-saħħa għal parir dwar għażliet ta’ trattament speċifiċi.

Il-kanċer ċervikali u tessut fl-għonq tal-utru li huwa deskritt bħala “ta’ qabel il-kanċer” jistgħu jiġu identifikati fi stadju bikri permezz ta’ skrinjar tal-kanċer ċervikali u jistgħu jiġu ttrattati. Dan huwa offrut lin-nisa skont ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali. Kanċers oħra relatati mal-HPV jistgħu wkoll jiġu ttrattati aktar meta jiġu ddijanjostikati u ttrattati fi stadju kmieni, iżda m’hemm l-ebda programm ta’ skrinjar speċifiku għalihom.

--------------------------------------------------------------------

Referenza:

(1) GLOBOCAN - Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – IARC: https://gco.iarc.fr/today/home (EN)

Nota: L-informazzjoni inkluża f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut għall-għarfien espert individwali u għal ġudizzju ta’ professjonista fil-kura tas-saħħa.

Aktar skedi informattivi

Influwenza

Fatti ewlenin dwar l-Influwenza, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.

Ir-rubella

Fatti ewlenin dwar ir-rubella, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.

Marda meningokokkali

Fatti ewlenin dwar il-mard meningokokkali, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif jinxtered, il-prevenzjoni u t-trattament.

Page last updated 13 Mar 2020