Meta għandu jsir it-tilqim

Il-vaċċini jipproteġu lin-nies matul stadji differenti tal-ħajja. Il-vaċċini huma rrakkomandati għal gruppi ta’ etajiet differenti, ħafna drabi għat-trabi u t-tfal, iżda wkoll għall-adolexxenti, l-adulti u n-nies anzjani.

Skedi ta’ tilqim nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jirrakkomandaw tilqim f’etajiet speċifiċi u għal popolazzjonijiet speċifiċi. Dawn jipprovdu wkoll rakkomandazzjonijiet għal nies b’mard kroniku. F’uħud mill-pajjiżi dawn ir-rakkomandazzjonijiet isiru fil-livell ta’ stat jew livell reġjonali.

Il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa (eż. tobba, infirmiera) għandhom rwol li jiżguraw li pazjenti taħt il-kura tagħhom jingħataw il-vaċċini rakkomandati fil-ħin xieraq.

Uħud mill-vaċċini mhumiex parti mill-iskedi ta’ tilqim ta' rutina iżda huma mmirati lejn gruppi speċifiċi. Pereżempju, nies li jivvjaġġaw lejn reġjuni fejn jiċċirkola ċertu mard infettiv bħad-deni isfar u t-tifojde jistgħu jkunu jeħtieġu jitlaqqmu. Uħud mill-pajjiżi jeħtieġu prova ta’ ċertu tilqim qabel ma jippermettu d-dħul lejn il-pajjiż.

Tilqim ta’ rkupru u boosters

Tgħallem aktar dwar it-tilqim ta’ rkupru u l-boosters, mogħtija fil-każ ta’ dożi maqbuża jew ta’ immunità li tbatti.

Page last updated 13 Mar 2020