Is-sikurezza tal-vaċċini u l-effetti sekondarji

Vaccine vial with viruses and symbols around it

Bħal fil-każ ta’ kwalunkwe mediċina, il-vaċċini jistgħu jikkawżaw effetti sekondarji f’xi persuni. L-effetti sekondarji jkunu normalment ħfief u ma jdumux. Dawn huma wkoll rari, u vaċċini awtorizzati huma meqjusa bħala sikuri ħafna. Madankollu, xi vaċċini jistgħu ma jkunux xierqa għal xi persuni b’allerġiji jew b’ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa. 

Effetti sekondarji

L-effetti sekondarji jistgħu jinkludu deni ħafif, uġigħ jew ħmura fis-sit tal-injezzjoni. Effetti sekondarji serji huma rari ħafna. 

Wara li vaċċin jiġi approvat għall-użu fl-UE/fiż-ŻEE, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw kontinwament jekk il-persuni li jkunu rċevew il-vaċċin jesperjenzawx xi effetti sekondarji.

Għal aktar informazzjoni dwar l-effetti sekondarji, ara: 

Rappurtar dwar effetti sekondarji

Skopri kif is-sikurezza tal-vaċċin u kwalunkwe effett sekondarju potenzjali jiġu mmonitorjati kontinwament biex il-pazjenti fl-Ewropa kollha jiġu protetti.

F’liema każ m’għandekx titlaqqam

Xi persuni ma jistgħux jitlaqqmu minħabba ċ-ċirkostanzi tas-saħħa speċifiċi tagħhom. Jekk jiġu infurmati li għandhom kontraindikazzjoni għal vaċċin speċifiku mill-fornitur tal-kura tas-saħħa tagħhom, dawn ma għandhomx jitlaqqmu b’dak il-vaċċin partikolari. Kontraindikazzjoni hija kundizzjoni jew ċirkustanza fejn ma jkunx sikur għal persuna li tirċievi vaċċin speċifiku. F’każijiet bħal dawn, ir-riskji li titlaqqam jegħlbu l-benefiċċji.

Reazzjonijiet allerġiċi

Raġuni waħda komuni biex ma jingħatax il-vaċċin hija minħabba allerġija għal kwalunkwe waħda mis-sustanzi attivi jew ingredjent fil-vaċċin. Jekk persuna kellha reazzjoni estrema li kkawżat xokk, nefħa u diffikultà biex tieħu n-nifs (anafilassi) għall-vaċċin fil-passat, hija ma għandhiex terġa’ tirċievi dak il-vaċċin sakemm ma jkunx ġie definittivament eskluż bħala l-kawża.

Kontraindikazzjonijiet oħrajn

Ċerti kundizzjonijiet jew trattamenti mediċi jistgħu jkunu wkoll kontraindikazzjonijiet għal xi vaċċini. Pereżempju, persuni b’ disturbi fis-sistema immunitarja jew li qed jirċievu trattamenti mediċi speċifiċi jistgħu ma jkunux jistgħu jirċievu ċerti vaċċini, bħall-ħosba, il-gattone, ir-rubella, il-variċella, jew it-tifojde orali.

Persuni b’sistemi immunitarji mdgħajfa jistgħu jibbenefikaw minn dawk ta’ madwarhom li jkunu kompletament imlaqqma, peress li mbagħad ikunu protetti indirettament.

Jista’ jkun hemm kontraindikazzjonijiet oħra għal vaċċini speċifiċi, li għandhom jiġu diskussi mal-fornituri tal-kura tas-saħħa.

Il-vaċċini u t-tqala

Huwa importanti wkoll li tkun taf li xi vaċċini mhumiex rakkomandati matul it-tqala. Pereżempju, il-vaċċini kontra l-ħosba, il-gattone u r-rubella għandhom jiġu evitati matul it-tqala. In-nisa għandhom jirċievu l-vaċċini kollha rakkomandati b’mod regolari qabel ma jilħqu l-età riproduttiva. Qabel ma jitlaqqmu, għandhom jinfurmaw lill-fornitur tal-kura tas-saħħa tagħhom jekk hemmx possibbiltà li jkunu tqal biex jiddiskutu liema vaċċini jistgħu jingħataw matul u wara t-tqala.