X’inhi l-influwenza?
L-influwenza hija marda respiratorja li tittieħed ikkawżata minn infezzjoni b’virus tal-influwenza. Fl-Ewropa, l-influwenza sseħħ f’epidemiji annwali regolari fl-istaġun tax-xitwa. Dawn l-epidemiji huma assoċjati ma’ rati għoljin ta’ rikoveri l-isptar u mortalità.
Ir-rata ta’ mortalità minħabba l-influwenza ġiet stmata fil-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE li pparteċipaw fin-netwerk EuroMOMO (1) bħala li laħqet sa 25 mewta għal kull 100 000 persuna fl-istaġuni tal-influwenza 2016/17 u 2017/18 (2).
L-annimali jistgħu jiġu infettati wkoll mill-influwenza. F’xi każijiet, il-bnedmin jistgħu jiġu infettati mill-annimali, bħal fil-każijiet tal-influwenza tat-tjur u tal-ħnieżer.
Minbarra l-epidemiji staġunali, xi drabi jistgħu jitfaċċaw viruses ta’ influwenza ġodda li jikkawżaw pandemiji. Pandemija hija t-tixrid rapidu ta’ influwenza umana ġdida madwar id-dinja. Il-pandemija tal-influwenza 2009 A(H1N1)pdm09 ammontat għal bejn 123 000 u 203 000 mewta madwar id-dinja u piż soċjoekonomiku globali sinifikanti (3).
Il-pandemiji tal-influwenza jseħħu meta titfaċċa razza ġdida ta’ virus tal-influwenza li tista’ tinfetta lill-bnedmin, li għaliha l-biċċa l-kbira tan-nies ma jkunux immuni u li tista’ tiġi trażmessa b’mod effiċjenti minn bniedem għall-ieħor.

X’inhuma s-sintomi tal-influwenza?
Mhux kulħadd li jkun infettat b’virus tal-influwenza jibda jħossu ma jiflaħx. Għal dawk li iva, is-sintomi komuni jinkludu:
- deni jew stat ta’ deni;
- uġigħ ta’ ras;
- uġigħ fil-muskoli;
- tħossok qisek ma tiflaħx;
- imnieħer iqattar;
- uġigħ fil-griżmejn;
- sogħla mhux produttiva.
Is-severità tal-marda tvarja ħafna, minn l-ebda sintomu affattu sa mard sever. F’każijiet mhux ikkumplikati, is-sintomi jgħaddu b’mod spontanju fi żmien ġimgħa minn meta taqbdek.

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet tal-influwenza?
Il-kumplikazzjonijiet tal-influwenza jinkludu pnewmonja u enċefalite (infjammazzjoni tal-moħħ). Il-persuni b’kundizzjonijiet mediċi diġà eżistenti huma f’riskju akbar li l-kundizzjoni tagħhom tmur għall-agħar wara infezzjoni tal-influwenza.
Kif tinfirex l-influwenza?
L-influwenza hija trażmessa faċilment minn persuna għall-oħra. Dan iseħħ prinċipalment minħabba kuntatt dirett ma’ sekrezzjonijiet minn pazjenti infettati, bħall-qtar żgħir ta’ fluwidu li joħroġ meta jisogħlu jew jieħdu nifs ’il barra. Din tinfirex ukoll permezz ta’ sekrezzjonijiet fuq l-idejn, it-tixus u l-uċuħ li n-nies imissu.
Min qiegħed f’riskju li taqbdu l-influwenza?
Madwar 20 % tal-popolazzjoni tiġi infettata bl-influwenza kull sena u waħda minn kull erba’ persuni infettati se tiżviluppa s-sintomi. It-tfal jiġu infettati ftit aktar spiss mill-adulti.
Mard u kumplikazzjonijiet severi huma aktar komuni fi tfal żgħar ħafna, l-anzjani debboli u ċerti gruppi b’riskju mediku. Minkejja dan, madwar nofs it-tfal u l-adulti fl-età tax-xogħol li jkunu jeħtieġ li jiddaħħlu għal kura intensiva ma jkollhom l-ebda kundizzjoni medika diġà eżistenti.

Kif tista’ tiġi pprevenuta l-influwenza?
It-tilqim huwa l-aktar mod effettiv biex tiġi evitata l-influwenza. L-Istati Membri tal-UE jirrakkomandaw tilqim kontra l-influwenza staġunali għall-gruppi li jinsabu f’riskju, bħall-anzjani, kif ukoll l-individwi b’kundizzjonijiet mediċi kroniċi bħal mard tal-qalb, problemi bil-pulmun u bil-pajpijiet tan-nifs, id-dijabete jew problemi bis-sistema immunitarja.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda wkoll it-tilqim għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Ir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar it-tilqim kontra l-influwenza staġunali tinkoraġġixxi lill-pajjiżi biex itejbu l-kopertura tat-tilqim fost il-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tad-WHO għat-tilqim tan-nisa tqal, u xi wħud isegwu r-rakkomandazzjonijiet għat-tilqim ta’ tfal b’saħħithom li għandhom bejn 6 xhur u 59 xahar.
Kull sena huwa meħtieġ aġġornament tat-tilqim kontra l-influwenza staġunali, peress li l-viruses tal-influwenza jevolvi b’mod kontinwu.
Minbarra t-tilqim, il-mediċini antivirali ntwerew li huma miżuri siguri u effettivi biex tiġi evitata l-infezzjoni tal-influwenza jew biex titnaqqas is-severità tal-infezzjoni f’ċerti ambjenti, bħad-djar tal-kura.
Kif tiġi kkurata l-influwenza?
Għall-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ influwenza, il-pazjenti jingħataw il-parir biex joqogħdu fis-sodda u jistrieħu filwaqt li jixorbu ħafna fluwidi sabiex jikkontrollaw is-sintomi tagħhom; il-fatt li persuna toqgħod id-dar inaqqas ir-riskju li tinfetta lil ħaddieħor. Huwa rrakkomandat li l-pazjenti jfittxu parir mediku jekk il-kundizzjoni tagħhom tkompli taqleb għall-agħar.
Il-mediċini antivirali, meħuda malajr kemm jista’ jkun wara li l-pazjent taqbdu l-marda, huma miżuri siguri u effettivi għall-kura tal-influwenza. Madankollu, il-mediċini antivirali huma ġeneralment irrakkomandati għal każijiet severi jew li jaqilbu għall-agħar malajr. F’xi każijiet, il-pazjenti jiżviluppaw kumplikazzjonijiet batterjali wara infezzjoni tal-influwenza u jkollhom bżonn jiġu kkurati b’antibijotiċi.
-----------------------------------------------------------
Referenzi:
(1) EuroMOMO - European monitoring of excess mortality for public health action: http://www.euromomo.eu (EN)
(2) Nielsen J. et al. European all-cause excess and influenza-attributable mortality in the 2017/18 season: should the burden of influenza B be reconsidered? Clinical Microbiology and Infection. 2019; Volum 25, Ħarġa 10, 1266 – 1276. Disponibbli minn: https://www.clinicalmicrobiologyandinfection.com/article/S1198-743X(19)30058-8/fulltext (EN)
(3) Simonsen L. et al. Global mortality estimates for the 2009 Influenza Pandemic from the GLaMOR project: a modeling study. PLoS Med. Novembru 2013; 10(11): e1001558. Disponibbli minn: https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3841239/ (EN)
Għal aktar informazzjoni ara s-sit web tal-ECDC: https://www.ecdc.europa.eu/en/seasonal-influenza/facts/factsheet (EN)
Nota: L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija maħsuba għall-iskop ta’ informazzjoni ġenerali u ma għandhiex tintuża bħala sostitut tal-għarfien espert individwali u tal-ġudizzju ta’ professjonist fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Aktar skedi informattivi
Ir-rubella
Fatti ewlenin dwar ir-rubella, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.
Pertussis
Fatti ewlenin dwar il-pertussis, is-sintomi, il-kumplikazzjonijiet, il-fatturi ta’ riskju, kif tinxtered, il-prevenzjoni u l-kura.
Virus tal-papilloma uman (HPV)
L-infezzjoni tal-virus tal-papilloma uman (HPV) hija infezzjoni virali li tiġi trażmessa l-aktar sesswalment permezz ta' kuntatt dirett...