Marda meningokokkali

Skeda Informattiva

X’inhi marda meninġokokkali? 

Marda meningokokkali hija infezzjoni batterika serja kkawżata minn batterji tan-Neisseria meningitidis. Dan it-tip ta’ batterji jista’ jikkawża mard serju bħall-meninġite (infjammazzjoni tal-membrani madwar il-moħħ u l-korda spinali) u avvelenament tad-demm (settiċemija). Marda meningokokkali tista’ tavvanza malajr u tista’ ssir ta’ periklu għall-ħajja jekk ma tiġix ittrattata minnufih.

Fl-UE/ŻEE, bħala medja jiġu rrapportati madwar 3,000 każ kull sena, għalkemm dan l-għadd naqas matul il-pandemija. Minn dawn, il-marda hija fatali f’madwar 10 % tal-każijiet. 

A woman reacts to light

X’inhuma s-sintomi ta’ marda meningokokkali? 

Is-sintomi ta’ marda meningokokkali jistgħu jvarjaw, iżda ħafna drabi jinkludu:

  • deni
  • uġigħ ta’ ras sever
  • ebusija tal-għonq   
  • tqalligħ u rimettar
  • sensittività għad-dawl
  • konfużjoni jew stat mentali mibdul
  • raxx (raxx aħmar jew vjola li ma jiċċarax meta jiġi ppressat)
  • teħid tan-nifs b’mod rapidu
  • idejn u saqajn kesħin

Huwa importanti li wieħed jinnota li mhux l-individwi kollha b’marda meningokokkali se jkollhom dawn is-sintomi kollha. 
 

person coughing on someone else

X’inhuma l-kumplikazzjonijiet ta’ marda meningokokkali? 

Marda meningokokkali tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet serji, inkluż:

  • ħsara fil-moħħ
  • telf ta’ smigħ
  • diżabilitajiet fl-apprendiment
  • insuffiċjenza tal-kliewi
  • xokk settiku
  • mewta

Kif tinfirex il-marda? 

Marda meningokokkali tinfirex permezz ta’ qtar respiratorju minn persuna infettata. Dawn il-qtajriet jistgħu jiġu rilaxxati permezz ta’ attivitajiet bħal sogħla, għatis, jew kuntatt personali mill-qrib. Il-batterji jistgħu wkoll jgħixu fil-gerżuma u fl-imnieħer ta’ xi individwi b’mod li ma jagħmilx ħsara, u dan jagħmilhom trasportaturi li jistgħu potenzjalment jittrażmettu l-batterji lil oħrajn.

Min huwa f’riskju li taqbdu marda meningokokkali? 

Filwaqt li kulħadd jista’ jieħu marda meningokokkali, ċerti gruppi jinsabu f’riskju ogħla, inklużi:

  • trabi u tfal żgħar
  • adolexxenti u adulti żgħażagħ
  • persuni li jgħixu qrib ħafna ta’ xi ħadd li għandu l-marda
  • individwi b’ċerti kundizzjonijiet mediċi li jdgħajfu s-sistema immunitarja
  • vjaġġaturi lejn żoni b’rati għoljin ta’ mard meningokokkali
Teenager getting vaccinated

Marda meningokokkali kif tista’ tiġi pprevenuta? 

Fl-UE, hemm diversi vaċċini awtorizzati sabiex jintużaw biex jipproteġu kontra xi tipi (serogruppi) ta’ batterji meningokokkali. It-tilqim huwa rrakkomandat prinċipalment għat-trabi u għall-adolexxenti fl-UE/fiż-ŻEE bi programmi differenti ta’ tilqim fis-seħħ. Persuni ta’ kwalunkwe età jistgħu jiġu rrakkomandati li jitlaqqmu jew li jirċievu booster tal-vaċċin. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-vaċċini jistgħu jiġu implimentati għal persuni f’ċerti gruppi ta’ riskju għoli.  

Kif tiġi trattata marda meningokokkali? 

Marda meningokokkali hija emerġenza medika, u trattament immedjat huwa essenzjali. Iridu jintużaw antibijotiċi biex tiġi trattata infezzjoni. Attenzjoni medika f’waqtha tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet ta’ eżitu pożittiv u tnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet.